gov.mt

pr261647

PR261647

06/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-MINISTERU GĦALL-MOBBILTÀ SOSTENIBBLI Tibda l-10 edizzjoni tal-Malta Maritime Summit 2026, b’affermazzjoni tar-rwol ta’ Malta bħala ċentru marittimu globali

L-10 edizzjoni tal-Malta Maritime Summit qed tlaqqa' f'Malta rappreżentanti ewlenin tal-industrija marittima, esperti internazzjonali u istituzzjonijiet globali biex jiddiskutu r-realtajiet u l-opportunitajiet li qed jiffaċċja s-settur marittimu. Is-Summit qed jindirizza fost oħrajn is-sostenibbiltà u l-ekonomija blu, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, il-liġi marittima, is-sigurtà u r-reżiljenza, kif ukoll l-aspett turistiku u finanzjarju ta' din l-industrija.

 

L-edizzjoni ta' din is-sena qed issir f'kuntest internazzjonali li qed jinbidel b'rata mgħaġġla, b'kunflitti ġeopolitiċi, theddid għas-sigurtà tal-baħħara, bidliet fir-rotot kummerċjali u l-aspett ta' dekarbonizazzjoni.

 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, qal li “Importanti li Malta tibqa' fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet internazzjonali. Din il-ġimgħa qed nilqgħu f'pajjiżna mexxejja minn madwar id-dinja, kemm permezz ta' dan is-Summit Marittimu kif ukoll fis-setturi tat-turiżmu u t-trasport permezz tas-Summit tal-WTTC. Malta għandha l-akbar reġistru marittimu fl-Ewropa u s-sitt l-akbar fid-dinja, filwaqt li l-WTTC se tlaqqa' f'pajjiżna wħud mill-aktar mexxejja influwenti fit-turiżmu u t-trasport fuq livell globali. Dan kollu juri r-rispett u l-fiduċja li ngawdu internazzjonalment. Se nkomplu naħdmu biex Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha u tibqa' protagonista fuq ix-xena internazzjonali."

 

Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli, Chris Bonett, qal li r-reżiljenza marittima llum tfisser ħafna aktar mill-infrastruttura fil-portijiet u supply chains effiċjenti, hekk kif is-settur qed jiffaċċja sfidi ġeopolitiċi u regolatorji li għandhom impatt dirett fuq il-kummerċ globali. “Il-mistoqsija m'għadhiex jekk il-ġeopolitika taffettwax it-tbaħħir. Il-mistoqsija hija kif nipprevjenu li l-ġeopolitika tkisser is-sistema marittima li fuqha jiddependi l-kummerċ globali," qal il-Ministru Bonett. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni internazzjonali u enfasizza r-rwol tal-International Maritime Organization (IMO) biex jiġu żgurati regoli ċari u konsistenti għall-industrija kollha madwar id-dinja. Huwa spjega kif frammentazzjoni regolatorja żżid l-inċertezza u l-ispejjeż għall-operaturi marittimi.

 

Dwar id-dekarbonizzazzjoni, il-Ministru Bonett qal li Malta tappoġġja l-isforzi biex l-operat tas-settur ikun aktar nadif, iżda li r-regoli ġodda jridu jkunu akkumpanjati minn standards li jistgħu jiġu implimentati b'mod realistiku. Huwa sostna li l-industrija teħtieġ ċertezza u regoli ċari li jwasslu għall-investiment biex issir it-tranżizzjoni lejn bastimenti, fjuwils u portijiet aktar nodfa. Il-Ministru Bonett enfasizza l-punt li għall-Malta l-konnettività marittima hija wkoll kwistjoni ta' importanza ekonomika u strateġika, filwaqt li permezz tal-baħar, pajjiżna jirċievi provvisti essenzjali bħall-ikel u l-mediċina.

 

Il-Gvern se jkompli jaħdem biex Malta tibqa' attur ewlieni fis-settur marittimu internazzjonali u lil hinn, filwaqt li tissalvagwardja l-konnettività, il-kompetittività u l-interessi tal-pajjiż. Is-settur marittimu jibqa' pilastru importanti għall-ekonomija Maltija, billi jiġġenera attività ekonomika u opportunitajiet ta' xogħol, isostni għadd kbir ta' industriji u negozji, u jiggarantixxi l-konnessjoni ta' Malta mas-swieq internazzjonali.​​

​